Go to content

Editorjal - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Skip menu
Skip menu
Editorjal
IL-PAPA LJUN XIV
PERSUNA TA’ ESPERJENZA PASTORALI U MISSJUNARJA

“Il-paċi magħkom” kienu l-ewwel żewġ kelmiet li bihom il-Papa Ljun XIV sellem lill-eluf ta’ nies mid-dinja kollha miġbura fi Pjazza San Pietru u fit-toroq qrib u lil dawk kollha li kienu qed isegwu l-mezzi ta’ kommunikazzjoni soċjali malli tfaċċa għall-ewwel darba fil-gallarija tal-Bażilika San Pietru ftit wara li ġie elett.
B’leħen kalm, iżda deċiż, is-suċċessur ta’ Pietru stieden lil kull wieħed u waħda minna biex “inkunu Knisja solidali, biex nimxu flimkien u dejjem infittxu l-paċi u l-karità u li nkunu qrib ta’ dawk li qed isofru”.
Il-Kardinal Robert Francis Prevost, Agostinjan, issa l-Papa Ljun XIV, iġib miegħu esperjenza pastorali u missjunarja mfassla b’mod profond minn snin ta’ servizz u missjoni fl-Amerika u fil-Knisja Universali. L-għażla tal-isem, li tfakkar f’San Iljun l-Kbir, tfisser ħafna. Tindika papat msejjes fuq il-verità, kuraġġuż fid-djalogu u sod fid-difiża tad-dinjità umana.
Fi żmien immarkat mill-gwerer, is-sekularizzazzjoni u x-xewqa profonda għal tifsira spiritwali, il-Knisja tħares lejn ir-ragħaj il-ġdid tagħha b’tama u talb. Il-Papa Ljun XIV mhuwiex biss l-Isqof ta’ Ruma, imma hu wkoll missier ta’ biljuni ta’ Kattoliċi madwar id-dinja. Leħnu, il-ġesti tiegħu u x-xhieda tiegħu se jgħinu biex jiffurmaw il-mod kif il-Knisja tisma’, titkellem u timxi flimkien ma’ kull persuna ta’ rieda tajba.
Aħna u nifirħu bl-għażla tal-Kardinal Robert Prevost, niftakaru li t-triq ’il quddiem għall-Knisja hi fina. Hi fl-għaqda u fix-xhieda vera ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-Knisja hi msejħa timxi mal-Papa Ljun XIV b’fedeltà għall-Vanġelu u b’fidi li l-Mulej li għażlu, se jsostni l-missjoni tiegħu.
Jalla l-pontifikat tal-Papa Ljun XIV jkun żmien ta’ tiġdid, ta’ paċi u ta’ xhieda.
Aħna għalhekk ningħaqdu mal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex fil-ferħ tagħhom għall-elezzjoni tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV u nħeġġu magħhom lill-qarrejja ta’ din ir-rivista, lill-Insara u lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex nitolbu għall-Papa l-ġdid.
Filwaqt li nwiegħduh il-lealtà tagħna ningħaqdu wkoll mal-Isqfijiet fl-impenn tagħhom li jwasslu l-Vanġelu tal-Paċi u l-Ħniena lill-poplu għażiż ta’ Alla.

* * *
L-EWTANASJA ASSISTITA
M’AĦNIEX INTERESSATI F’GĦAJNUNA LI TGĦIN LIL DAK LI JKUN JOQTOL LILU NNIFSU

Il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar x’nistgħu nagħmlu biex inkunu ta’ appoġġ għal ħutna li jkunu waslu lejn tmiem il-ħajja tagħhom. Hemm diversi għażliet quddiemna, waħda minnhom hi li dak li jkun ngħinuh biex joqtol lilu nnifsu b’idejh: dak li jgħidulu l-ewtanasja assistita.
Hemm ukoll, iżda, l-għażla ta’ kura paljattiva. Li nkunu nistgħu nappoġġjaw lil dak li jkun lejn it-tmiem ta’ ħajtu bil-kura kollha neċessarja. Li ma nitilquhx waħdu. Li ma naqbdux it-triq tal-mewt qabel iż-żmien. Li wieħed joqtol lilu nnifsu jew li aħna ngħinuh joqtol lilu nnifsu jew noqtluh aħna.
Il-kura paljattiva hi forma ta’ kompassjoni għax twieġeb għat-tbatija fiżika, emozzjonali, psikoloġika u spiritwali.
Għaldaqstant, din ir-rivista tingħaqad mal-appell tal-Arċisqof Charles Scicluna biex nieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-Gvern dwar l-ewtanasja volonatarja assistita u ngħidu li m’aħniex interessati f’għajnuna li tgħin lil dak li jkun joqtol lilu nnifsu.

Michael Caruana
0
reviews
Jekk trid taċċedi għal artikli oħra IRREGISTRA HAWN
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2025
Back to content
Application icon
Il-Habbar ta' Sant'Antnin Install this application on your home screen for a better experience
Tap Installation button on iOS then "Add to your screen"