Sant’Antnin ta’ Padova
IL-MULEJ JAGĦTIKOM IS-SLIEM!
L-eżempju ta’ Sant’Antnin jispirana biex ngħixu b’fidi ħajja, b’tama soda u b’imħabba vera
It-13 ta’ Ġunju jinsab wara l-bieb! Għalina li għandna għal qalbna lil dan il-Qaddis kbir, din il-ġurnata hi waħda speċjali! Ma nafx qagħdtx kellkom l-okkażjoni li fit-13 ta’ Ġunju tkunu fil-belt ta’ Padova! Jekk iva, żgur li bqajtu impressjonati bl-ammont ta’ nies li joħonqu l-bażilika minn sbieħ il-jum sa tard bil-lejl!
Nies mill-erbat irjieħ tad-dinja, bejn tfal, żgħażagħ u anzjani li kulħadd bl-istorja tiegħu jiġi u jitlob l-interċessjoni ta’ Sant’Antnin.
Nixtieq naqsam magħkom mument importanti mill-ħajja ta’ Sant’Antnin li hu proprju l-aħħar kliem tiegħu qabel ma miet. F’Ġunju tal-1231 Sant’Antnin kien qed jgħix ġewwa raħal żgħir fil-kampanja, jismu Camposampiero (fuq dan ktibilkom dwaru fil-ħarġa li għaddiet). Hu kien qed iħoss li oħtna l-mewt tinsab fil-qrib u għalhekk jitlob lil wieħed mill-patrijiet ħutu (Fra Ruġġier) li x-xewqa tiegħu kienet li jmut fil-knisja Santa Maria Mater Domini (Santa Marija Omm Alla). Din il-knisja illum tagħmel parti mill-kumpless fejn hemm l-attwali bażilika dedikata lilu f’Padova.
Il-Patrijiet mhux kollha kienu tal-istess parir, imma fl-aħħar jiddeċiedu li jaqtgħulu xewqtu u allura Fra Ruġġier u xi patrijiet oħra qegħdu lil Sant’Antnin fuq karru biex ħaduh lejn Padova. Kien il-Ġimgħa, 13 ta’ Ġunju.
Jiġri li x’ħin jaslu ftit kilometri ’l barra mill-ħitan tal-belt ta’ Padova, f’żona hekk imsejħa Arċella, is-saħħa tal-Qaddis tiggrava u għalhekk jiddeċiedu li jeħduh fl-iktar kunvent viċin. Filfatt, f’din iż-żona kien hemm kunvent tal-Patrjiet biswit il-Monasteru tal-klarissi. Il-Qaddis, kif seta’, beda jkanta innu Marjan li kellu tant għal qalbu: O gloriosa Signora, Excelsa super sidera, li tfisser, Sidt glorjuża li fil-għoli, fuq il-kwiekeb kont imtellgħa. Kif il-Qaddis, spiċċa jkanta dan l-innu, refa’ għajnejh lejn is-sema u b’ħarsa fissa qagħad iħares b’għajnejh fit-tul quddiemu. Wieħed mill-patrijiet li kienu ħdejh staqsieh x’kien qed jara u l-Qaddis wieġbu: “Qed nara l-Mulej tiegħi”.
Din l-esperjenza tfakkarni fis-Salm 63: “Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.” Kliem li juri x-xewqa profonda li kellu Sant’Antnin għal Alla – xewqa li tmur lil hinn mill-fidi bħala drawwa jew morali, imma ssir relazzjoni ħajja u personali.
Il-kliem “Qed nara l-Mulej tiegħi” mhux biss jgħidilna kif miet, imma aktar minn hekk – jgħidilna kif għex. Għex f’relazzjoni kostanti ma’ Alla, tant li f’dak il-mument finali seta’ jara b’għajnejh dak li kien jara bil-fidi matul ħajtu kollha.
X’inhu dak li qed infittex jien?
Din hi mistoqsija li kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu. F’dinja li ħafna drabi tmexxina lejn il-ġiri u d-distrazzjoni, ix-xhieda ta’ Sant’Antnin tistedinna nieqfu, nirriflettu u nistaqsu:
● Kemm qiegħed/a nfittex lil Alla tassew?
● Kemm nara l-preżenza tiegħu f’ħajti ta’ kuljum, mhux biss fit-talb, imma wkoll fil-ħidma, fil-familja, fil-mard, fl-inċertezzi?
● Kif nista’ nġedded ir-relazzjoni tiegħi miegħu?
Hekk kif qed nersqu lejn il-festa ta’ Sant’Antnin, ejjew nitolbu biex bħalu nkunu aktar konxji tal-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna. Nitolbu wkoll biex inrawmu l-fidi tagħna mhux biss f’mumenti sbieħ, imma wkoll fi żminijiet diffiċli meta Alla forsi jidher sieket jew ’il bogħod.
Jalla l-eżempju ta’ Sant’Antnin jispirana biex ngħixu b’fidi ħajja, b’tama soda u b’imħabba vera. U jalla l-kliem tiegħu – “Qed nara l-Mulej tiegħi” – ma jkunx biss kliem ta’ qaddis tal-imgħoddi, imma realtà għalina lkoll fil-mixja tagħna lejn il-qdusija biex aħna wkoll inkunu nistgħu ngħidu: Qed nara l-Mulej tiegħi.

0
reviews