Go to content

Storja b'tagħlima - Il-Habbar ta' Sant'Antnin

Skip menu
Skip menu
Storja b’tagħlima
ŻOMM IL-FURKETTA...
Ftakar li t-tajjeb mhux warajk qiegħed, imma quddiemek, fil-futur

Tereża kienet taf li kienet waslet biex tgħaddi għal ħajja oħra għax it-tobba qalulha li, bil-marda qerrieda li kellha, kien għad baqgħalha biss tliet xhur.
Għalhekk bdiet tħejji ruħha sew għal din il-ġrajja. Ċemplet lill-kappillan biex imur jaraha għax kellha xi tgħidlu. Qaltlu x’kant riedet fil-funeral, liema partijiet tal-Bibbja xtaqet li jinqraw u wkoll liema libsa xtaqet li jlibbsuha għad-difna. Talbitu wkoll ipoġġilha l-Bibbja tagħha magħha fit-tebut.
Kien sejjer u kollox meta ftakret f’xi ħaġa importanti. “Taf x’irrid wkoll...”, qaltlu: “li, fit-tebut, tpoġġili furketta f’idi l-leminija”.
Il-kappillan inħasad u baqa’ mistagħġeb. Furketta fit-tebut x’kellha bżonnha?, ħaseb bejnu u bejn ruħu. Il-mara ndunat li tħawwad u qaltlu: “Kull meta mort xi ikla, speċjalment dawk li ħejjejna fil-parroċċa, dejjem niftakar li, wara li kulħadd kien ikun laqqat il-platt sew, xi ħadd kien dejjem jgħid: ‘Żommu l-furketta, għad fadal l-aħjar biċċa’. Għalija din kienet tkun l-itjeb parti tal-ikla għax xi ħaġa tajba kienet tkun ġejja... xi kejk taċ-ċikkulata, xi torta tat-tuffieħ, eċċ. Xi ħaġa bnina li tobrom il-mustaċċi kienet tkun lesta għalina!
“Nixtieq li n-nies kollha preżenti għall-funeral jarawni fit-tebut mgħotti bil-ħġieġ bil-furketta f’idi. Hekk tiġihom il-kurżità u jistaqsu: ‘X’qegħda tagħmel hemm dik il-furketta?’ Nixtieq li dak il-ħin int tgħaddi dal-messaġġ: ‘Dejjem żommu l-furketta... għad baqa’ l-aħjar biċċa!’”
Għajnejn il-kappillan imtlew bid-dmugħ ta’ ferħ u ħaddan lil Tereża miegħu. Kien jaf li din kienet l-aħħar laqgħa tagħhom qabel il-mewt. Iżda ma kienx beżgħan minn ruħ Tereża. Kienet iktar konvinta u qrib il-Ġenna minnu. Kienet taf li kien hemm xi ħaġa isbaħ tistennieha. Il-fidi u l-ottimiżmu tagħha kienu jsaħħruk.
Waqt il-funeral, in-nies bdew għaddejjin minn ħdejn it-tebut tagħha. Il-wiċċ kien tal-ħġieġ għalhekk setgħu jaraw il-libsa sabiħa li kienet libsa, il-Bibbja li spiss kienet tuża u, fuq kollox, il-furketta f’idha. Kemm-il darba l-kappillan sema’ l-mistoqsija: “Dik il-furketta x’qegħda tagħmel hemm?” u kull darba kien jitbissem.
Waqt l-omelija, il-kappillan qalilhom bl-aħħar laqgħa li kellu ma’ Tereża qabel mietet. Kellimhom dwar il-furketta u s-simbolu sabiħ li kellha għaliha. Qalilhom li, minn dakinhar tat-taħdita, ma setax jinsa dik l-imbierka furketta. Wara kull ikla kien dejjem jiftakar: “Għad baqa’ l-aħjar biċċa!”
Għalhekk ħabib, ħabiba, kull darba li tkun se taqbad jew twarrab furketta, ftakar li t-tajjeb mhux warajk, fil-passat tiegħek, imma quddiemek fil-futur. Din il-ħajja hi l-ikla u d-diżerta għadha ġejja!

Josephine Bonello
0
reviews
ĊAK, Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611 - MALTA
Tel: +356 21 498 343 - info@habbar.cakmalta.org

© ĊAK Ltd. Franġiskani Konventwali, Malta 2025
Back to content
Application icon
Il-Habbar ta' Sant'Antnin Install this application on your home screen for a better experience
Tap Installation button on iOS then "Add to your screen"